Ix-Xirka tal-“Bolla Sabbatina” mhijiex ħlief xirka tas-suffraġi għal dawk kollha li huma miktubin diġà fil-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu. Il-flus għalhekk li wieħed jew waħda tħallas biex tinkiteb f’din ix-Xirka tal-Bolla Sabbatina toħodhom kollha suffraġji għal ruħuhom. Anzi wkoll matul ħajjithom dawk li jkunu miktubin fil-Bolla Sabbatina jgawdu u jkollhom sehem minn tant quddies li jsir matul is-sena.
Din ix-xirka twaqqfet hawn Malta bil-ħila u t-tħabrik tar-Rev. P. Pirjol il-Majjistru Lorenzo Elija Ferrone. Dan ir-reliġjuż Karmelitan, waqt li kien Pirjol tal-Kunvent tal-Belt ħaseb biex iwaqqaf l-imsemmija Xirka jew Soċjetà tas-Suffraġji li mbagħad ħadet l-isem ta’ Bolla Sabbatina.
Fit-8 ta’ Lulju 1801 il-Pirjol poġġa din il-proposta quddiem il-Komunità tal-Belt u l-patrijiet ħadu pjaċir b”din il-proposta u approvawha.
Fit-30 ta’ Novembru 1801 twaqqfet bl-approvazzjoni tal-Eċċmu. Revmu. Mons. Vincenzo Labini, Arċisqof u Isqof ta’ Malta u Għawdex u tal-Komunità kollha Karmelitana tal-Belt.
L-istess Pirjol Majjistru għamle bħal statuti b’disa’ artikolu u li ġew approvati mill-imsemmi Isqof u mill-Komunità u ffirmati minn Fra Giuseppe Murga, Segretajru u Kanċillier.
Meta twaqqfet din ix-Xirka tal-Bolla Sabbatina minnufih bdew jidħlu fiha bosta nies speċjalment kbarat u minn tal-ewwel kien l-Isqof Labini u s-Segretajru tiegħu.