L-ewwel kappellun in-naħa tax-xellug ta’ min jinżel minn fuq it-tribuna hija iddedikata lill-Sant’ Anjeże, jew lill-Kurċifiss. Il-faċċata kienet kollha rħan fin u kellha prospettiva sabiħa ferm.
Il-kwadru ta’ dan il-kappellun jirrappreżenta l-Kurċifiss u taħtu bilwieqfa tidher Sant’Anjeże li f’idha l-leminija tidher qiegħda żżomm ktieb miftuħ waqt li qiegħda zzomm palma f’id il-leminija. F’dan il-kwadru jidher ukoll Sant’Andrija Korsini Isqof Karmelitan filwaqt li taħt il-kurċifiss hemm żewġ anġli żgħar iżommu l-baklu u l-mitra. Dan il-kwadru huwa xogħol sabiħ ta’ Gwido Reni.
L-artal ta’ din il-kappella huwa prezzjuż ħafna għaliex huwa irham tal-malakita, bil-gwarniċi tal-bronż indurati u rħam fin ieħor. Kemm il-kwadru kif ukoll l-artal għadhom jistgħu jitgawdew fil-knisja l-ġdida.
In-naħa tal-lemin tal-kappella kien hemm niċċa rikka ħafna li tinżamm mgħottija li fiha jinsab kwadru tal-Kurċifiss imsejjaħ ta’ Lucca. Dan il-Kurċifiss liebes ta’ Sultan bil-kuruna rjali fuq rasu, bil-kliem “Rex Tremende Majestatis” in-naħa ta’ fuq. Dan il-kwadru tqiegħed hemm fis-sena 1884 u kienet issirlu festa ta’ kull sena nhar l-14 ta’ Settemrbu. Dan il-kwadru għadu jeżisti u jinsab fil-knisja l-ġdida. In-naħa l-oħra kien hemm passaġġ bi prospettiva bħal tan-niċċa li jinfed għall-kappelli l-oħra.
Fuq in-niċċa tal-Vultu Santu u fuq il-passaġġ fl-għoli, kien hemm żewġ kwadri kbar ta’ San Pietru u San Pawl li għadhom jeżistu fil-knisja l-ġdida. Dan iż-żewġ inkwatri kif ukoll is-saqaf ta’ dan il-kappellun kienu kollha xogħol Ġużeppi Calì.