L-Arċikonfraternità tal-Anġlu Kustodju twaqqfet fl-1748. Il-Kappella tagħhom qabel kienet iddedikata lil San Blas iżda s-sinjura Rosa, mart Ġużè Micallef mill-Belt, fid-19 ta’ Ottubru 1746 ċediet il-Kappella li kienet ġus patronat tal-familja tagħha, bl-altar u wkoll il-biċċa tal-kannirja ta’ taħt il-kappella biex fil-kappella titwaqqaf l-Arċikonfraternità tal-Anġlu Kustodju. Imma bil-patt li l-Fratelli jagħtu kull sena lill-patrijiet 4 skudi u 12-il tari’ kif ukoll iħallsu l-ispejjeż kollha tal-festa li kull sena għandhom jagħmlu lill-imsemmi Anġlu Kustodju u wkoll jagħmlu l-offiċċjatura għall-Konfratelli mejtin.
Il-Konfraternità malajr kibret u l-ewwel festa li saret kienet fis-27 ta’ Jannar 1749. L-istatwa tal-Anġlu Kustodju tal-purċissjoni hija ta’ Vincenzo Dimech u forsi waħda mill-ewwel statwi li hu għamel. Ma nafux meta saret iżda fis-sena 1793 kienet lesta żgur għaliex fit-13 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena l-Fratelli talbu lill-Pirjol P. Albert Camilleri biex fil-purċissjoni tagħhom flimkien mal-istatwa tal-Anġlu Kustodji toħroġ ukoll l-istatwa tal-Madonna u tibqa’ ssir kull sena. Il-partijiet laqgħu din it-talba tal-Fratelli u kkonċedewlhom din it-talba.