Il-Kor tal-knisja l-antika nbidel bosta drabi kemm fit-tiżjin kif ukoll fit-tiżjin tiegħu. L-ewwel tibdil kien sar fis-sena 1705, u li kien daħal għall-ispejjeż kollha n-nobbli Fra Melchiorre Olvero Pinto li kien kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann u devot kbir tal-Madonna tal-Karmnu. Dan il-kavallier kien għamel mill-ġdid il-faċċata kollha tal-artal maġġur u żied żewġ statwi tal-ġebel li juru il-S. Elija Missier il-Karmelitani u l-Profeta Elizew.
Fis-sena 1797, waqt maltempata, kienet daħlet sajjetta fil-knisja u kawża ta’ hekk kienet saret ħsara kbira f’dan il-kor u tkissru ż-żewġ statwi tal-ġebel. Fis-sena 1805, il-kor kien reġa’ ġie restawrat, inklużi ż-żewġ statwi ta’ San Elija u San Eliżew u kollox kien tħallas minn P. Mikelanglu Chircop. Illum dawn iż-żewġ statwi qegħdin fil-kuritur ta’ isfel tal-kunvent.
Fis-sena 1857, il-kor kien inkesa kollu mill-irħam u tneħħew iż-żewġ statwi tal-ġebel. Fis-sena 1899 l-irħam kollu kien reġa’ nbidel għal wieħed ferm iktar fin. Iż-żewġ anġli li għadhom jidhru fil-kor, kienu saru fis-sena 1937. Dawn iż-żewġ anġli huma maħdumin minn irħam abjad, u kienu wkoll fil-kor tal-knisja l-antika.
Fis-sena 1950 kienu saru sitt lampieri tal-fidda li għadhom jeżistu fil-kor tal-knisja l-ġdida.