F’dan l-artal iddedikat lill-Anġlu Kustodju nsibu kwadru mpitter Francesco Zahra (1710-1773). Fil-fond ta’ dan il-kwadru jider deżert jew xagħri. F’dan id-deżert Anġlu kbir li fih tidher il-qawwa qiegħed iżomm b’idu x-xellugija tfajjel żgħir. Fil-parti ta’ fuq tal-kwadru jidhru il-Madonna tal-grazzja bil-Bambin flimkien ma’ San Blas. Taħt dan il-kwadru nisbu wieħed tond li juri lil Madonna tagħti lil binha Ġesú lil ommha Sant’ Anna, dan il-kwadru ġie mpitter minn Paul Lorenzi Busuttil (b.1940), niftakru li Sant’Anna flimkien ma’ San Ġużepp u San Ġwakkin huma protetturi ta’ l-Ordni Karmelitan.
Dan Fin-naħa ta’ fuq tal-prospettiva ta’dan l-artal naraw lil San Mikiel u fuq kull ġenb tal-kwadru naraw lil San Gabrijel u lil San Rafel, dawn kollha huma skultura tal-Kav. Joe D’Amato.
L-Artisti
Francesco Zahra: Twieled fil-15 ta’ Diċembru 1710 fl-Isla u ġie mgħammed fil-Parroċċa fl-istess jum. Iben Pietro Paolo imlaqqam “Tal-Iskarpellin” u Augustina Casanova. Fl-1735 kien diġa’ stabbilit. Jidher li fforma l-istil tiegħu minn Skola Naplitana għalkemm dan s’issa għadu mhux dokumentat. Billi kien hemm relazzjonijiet familjari ma’ Gann Nikola Buhagiar, jista’ jkun ukoll li tgħallem miegħu. Wara li Francesco żżewweġ lil Tereża Fenech fi Frar ta’ l-1743, kellhom mill-inqas ħamest itfal. Meta Antoine de Favray ġie Malta fl-1744, Francesco Zahra sar ħabib tiegħuu għamlu wkoll xi xogħlijiet flimkien. Wara li żżewweġ mar joqgħod il-Belt minn fejn għamel karriera kbira u pitter għadd kbir ta’ xogħlijiet li jinsabu mxerrda ma’ Malta kollha tant li kien wieħed mill-ftit artisti lokali li qatt ma jidher li kellu diffikultajiet finanzjarji. Miet fid-19 ta’ Awissu 1773 u ġie midfun fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, fil-Belt.