Malli kienet lesta l-knisja fit-8 ta’ Ġunju 1608 ġie mqiegħed l-altar maġġur. L-ewwel ħsieb tal-Patrijiet Karmelitani kien dak li jqiegdħu fuq l-altar maġġur kwadru, li jirrappreżenta lil Madonna waqt li qiegħda tagħti l-Iskapular Imqaddes lil San Xmun Stock. Skont dokumenti antiki l-Majjistru P. Ġwann Vella dan il-kwadru ddubbah minn Sqallija, u kien diġà antik. Il-kwadru kien akkwistah minn x’ħin beda jibni l-Knisja fl-1570.
L-awtur tal-kwadru mhumiex magħruf imma probabbilment magħmul minn piuttur Taljan.
Meta fl-1924 il-kwadru nqala’ minn postu biex ikun restawrat mis-Sur Bonello, propju warajh fl-istess post, instab ieħor kważi eżattament bħalu, b’din id-differenza li l-Bambin Ġesù fil-kawdru li jinsabu espost għall-qima huwa qiegħed fuq driegħ xellugi tal-Madonna u fl-ieħor li nstab qiegħed fuq id-driegħ tal-lemin tal-Madonna; hemm ukoll ftit tad-differenza fil-fond li hu iktar oskur tal-kwadru li nstab.
Għalkemm il-kwadru forsi mhuwiex ta’ preġju artistiku, b’danakollu huwa jqanqal devozzjoni u mħabba f’min iħares biss lejh. Fin-nofs bilqiegħda fuq sħaba tidher il-Madonna wisq maestuża, liebsa ta’ nazzarena bil-libsa ħamra u l-mant vjola, li minn fuq spallejha jibqa’ nieżel s’isfel u jgħattiha kollha wkoll riġejha. Rasha hija mgħottija bi drapp abjad, fin u trasparenti u fuq rasha tinsab il-kuruna tad-derh bil-ġawhar. Fuq dreigħa x-xellugi, qiegħed terfa’ l-Bambin Ġesù bla ħwejjeġ; dan filwaqt li idu x-xellugija qiegħda iserraħha fuq id ix-xellugija wkoll tal-Madonna, b’idu l-leminija qiegħed imiss is-sider tagħha li minnu qed iġiegħel joħroġ u jinżel il-ħalib, sinjal tal-ħniena tagħha lejn l-erwieħ tal-Purgatorju li jinsabu taħt il-Verġni Mqaddsa f’qagħda li jitolbu ħniena, u li hu l-Bambin Ġesù qiegħed iħares lejhom b’imħabba u ħniena l-iktar kbar. Ukoll fuq ir-ras ta’ Ġesù Bmbin tidher il-kuruna tad-deheb bil-ġawhar. Il-Verġni Mqaddsa f’idha l-leminija qiegħda żżomm u tnewwel l-Iskapular Imqaddes tal-Karmelu. Taħt riġlejha hemm il-qamar kbir ħafna, simbolu tad-dinjità għolja tagħha bħala Omm Alla. Fiż-żewġ naħat tal-Madonna u ‘l isfel minnha, dritti bilwieqfa, hemm żewġ qaddisin. In-naħa tal-lemin hemm San Xmun Stock b’idejh magħqudin flimkien fuq sidru f’qagħda ta’ qima u mħabba l-iżjed kbar, b’għajnejh fissi lejn il-Madonna li qiegħda tnewwillu l-Iskapular. In-naħa tax-xellug hemm Sant’Agata Verġnu u Martri, bi speċi ta’ dixx tal-fidda f’idha x-xellugija li fih jinsab sidirha, u idha l-leminija fuq sidirha waqt li b’għajnejha qiegħda tħares lejn Ġesù u lejn Marija SSma. Fuq nett hemm żewġ Serafini f’qagħda li qegħdin jittajru u b’idejhom it-tnejn qegħdin iżommu kuruna tad-deheb li biha neżlin mis-sema.