L-Istatwa Artistika tal-Madonna

Fil-Knisja tal-Karmnu tal-Belt Valletta, kien hemm tliet vari tal-Madonna tal-Karmnu. Tnejn minnhom kienu magħmulin mill-Konfraternità tal-Karmnu tal-Belt u oħra tal-Patrijiet. L-ewwel waħda fis-sena 1657 kienet diġà toħroġ regolarment fil-purċissjoni tas-16 ta’ Lulju u wkoll nhar l-Ottava.

L-ewwel vara

Din il-vara , il-Fratelli tal-Karmnu ġabuha minn barra, x’aktarx minn Ruma. Din il-vara għadha teżisti u tinsab fl-Oratorju tal-Konfraternità tal-Karmnu (tan-Nazzarenu) fuq l-altar ġo niċċa.

It-tieni vara

Fl-1780 il-Fratelli tal-Karmnu ġiebu vara oħra minn Napli. Din il-vara tinsab fil-Knisja tal-Karmnu ta’ Balluta għaliex fl-1859 il-Konfraterità tal-Karmnu tal-Belt bnied il-knisja ta’ San Ġiljan, li mbagħad fl-1890 u fl-1 ta’ Frar tawha lill-Patrijiet Karmelitani ħadu hemm il-vara li qed insemmu.

It-tielet vara

It-tielet statwa, hi l-istess waħda li hemm bħalissa. Din saret fl-1781. Ħafna huma tal-fehma li hija opra ta’ skultura Taljan u aktartx li ġiet minn Napli iżda fl-ebda dokument ma sibna l-awtur min kien. L-istatwa gġamilha minn flusu r-Revdu. P. Majjistru Michel’Angelo Chircop, u għamel ukoll minn flusu n-niċċa tagħha. L-istatwa saret biex il-Patrijiet Karmelitani jeħilsu minn kwistjoni li kienet qamet bejn il-Konfratelli tal-Karmnu u l-Patrijiet.

Il-Pedistall

L-ewwel pedistall li kellha l-istatwa x’aktarx li kien magħmul mill-istess awtur tal-istatwa. Fl-1898 fid-19 ta’ Novembru, l-Pirjol P. Albert Grech kien għamel proposta lill-Komunità biex jagħmlu pedistall ieħor isbaħ milli hemm u li kien iktar xieraq għall-Verġnu SSma. tal-Kamelu u l-pedistall li hemm jadattawh għall-istatwa ta’ Sant’Elija li kellha tassew bżonn ta’ pedistall Il-patrijiet approvaw ix-xewqa tal-Pirjo u għamlu pedistall ġdid. Il-pedistall il-ġdid kien sabiħ ferm, kien wisq akbar mill-ieħor, u wisa’ ħafna, kellu skultura l-ġmiel tiegħhaa u fuq kollox kellu erba’ anġli żgħar, puttini, sbieħ ħafna, jingħad li huma ta’ Darmanin. Illum dan jinsab f’Santa Venera.

Fis-27 ta’ Diċembru 1930, il-Pirjol P. Albert Zammit wera lill-Komunità tal-Belt ix-xewqa tal-Konfraternità tal-Verġni SSma. tal-Karmnu li f’għeluq il-ħamsin sena tal-Inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Karmnu, jiġifieri fis-sena 1931, tagħti bħala rigal lill-Madonna pedistall tal-fidda għall-istatw tal-Madonna tal-purċissjonijiet. Il-komunità aċċettat b’ferħ kbir il-proposta ta’ pedistall. Il-pedistall sar fuq disinn ta’ Abram Gatt; il-mudell għamlu s-Sur Vinċenz Apap u ġie esegwit fil-Fabbrika “Galvoplastih Geislingen Steige” fil-Ġermanja. Il-pedistall huwa wieħed mill-isbaħ li għandna f’Malta u forsi l-iktar rikk u prezzjuż.

Il-brillanti, djamanti u d-deheb li għandha l-istatwa ġew lilha mogħtija jew b’devozzjoni kbira lejha jew inkella b’wegħdi.