It-tielet kappella kienet iddedikata lil Santa Tereża ta’ Ġesù u lil San Rafel Arkanġlu.
Kemm il-faċċata kif ukoll l-artal kienu kollha tal-irham, il-kwadru jirrapreżenta lil Santa Tereża għarkupptejha liebsa ta’ karmelitana waqt li Ġesù bilwieqfa qiegħed ipoġġi kuruna tal-ward fuq rasha. Warajha jider ukoll Tobija għarkupptejh u l-arkanġlu San Rafel. Il-kwadru kien sar minn Ġanni Bonnici fis-sena 1867.
Sas-sena 1796, din il-kappella kienet iddedikata lill-Madonna tal-Pilar. Il-kwadru tal-Madonna tal-Pilar (li għadu jeżisti fil-knisja l-ġdida fuq l-artal ta’ San Ġużepp), huwa xogħol ta’ Mattia Preti. Meta t-titolu tal-Kappella kien tal-Madonna tal-Pilar kien hemm sottokwadru ddedikat lil Santa Tereża ta’ Ġesù, u sa mis-sena 1627 kienet issir il-festa tagħha. Wara s-sena 1796 din il-Kappella ġiet għalkollox intitolata lil Santa Tereża, u sar kwadru kbir tagħha li illum jinsab fil-kunvent. Dan kien jirrappreżenta lil Santa Tereża għarkupptejha, fil-għoli tidher Marija SSma. qiegħda tlibbisha velu abjad, u wara l-Madonna jidher San Ġużepp.