L-altar dedikat lill-Karmelitana Santa Tereża ta’ Ġesu mwielda f’Avila li hi l-ewwel mara duttur tal-Knisja. Il-pittura hi ta’ Giulio Felici Cassarino (1582-1637). Flimkien ma’ Santa Tereża naraw lil San Ġużepp u l-Madonna. Il-pittura t-tonda hi ta’ wieħed mill-martri tat-Tieni Gwerra Dinjija li huwa l-Beatu Titu Brandsma, Karmelitan Olandiż, li kien rettur ta’ l-Universitá ta’ Nijmegen, l-Olanda.
L-Artisti
Giulio Felici Cassarino: Twieled Ħaż-Żebbuġ fil-31 ta’ Diċembru 1582, iben Duminku Felici u Giovanna Ferchauni. Iżżewweġ darbtejn u wara t-tieni żwieġ tiegħu mar joqgħod il-Belt fejn baqa’ sakemm miet. Ismu oriġinali hu mniżżel fir-reġistru bħala Giulio Felici u billi x’aktarx kien ta’ statura qasira ġie mlaqqam il-Cassarino (il-Qasir). X’aktarx li kien dixxiplu ta’ Caravaggio u l-personalita’ artistika tiegħu turi li kien influwenzat ħafna minnu, għalkemm jidher li ma fehmux għal kollox. Għamel xi kopji ta’ Caravaggio li ffirmhom G.N.F.D.C. li jistgħu ifissru: Giulio Nato Felici Detto Cassarino. Cassarino beda bħala Manerista u sab bħala patrun lil Fra Pedro Urrea Camaras, Prijur tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann u dan tah ħafna xogħol għall-istess Knisja. Miet il-Belt Valletta fl-14 ta’ Mejju 1637.