Il-kurċifiss magħruf bħala tat-Tliet Sigħat, ingħata lura d-dehra oriġinali li kien tah l-artist ċelebri Malti Wistin Camilleri.
Fl-aħħar xhur, dan il-kurċifiss devot kien irrestawrat mill-artist Antonio Mifsud fejn inbiddlu wkoll il-ġogi tal-idejn.
Għal min mhux familjari ma’ dan il-kurċifiss, il-ġogi jintużaw waqt ċelebrazzjoni li ssir nhar l-Erbgħa tat-Tniebri, meta l-korp ta’ Ġesù Msallab jitniżżel minn fuq salib skont rit antik Karmelitan.
Oriġinarjament, din iċ-ċelebrazzjoni, kienet issir waqt il-Funzjoni dakinhar tal-Ġimgħa l-Kbira u minn hemm ħa ismu: “Il-kurċifiss tat-Tliet Sigħat.”
Apparti minn hekk, bħal dejjem, l-Għaqda Festa Madonna tal-Karmnu ma baqgħetx idha fuq żaqqha u l-voluntiera tagħna ħadu ħsieb li jagħtu wkoll dehra ġdida lis-salib.
Il-kurċifiss irrestawrat se jkun espost fis-Santwarju min-nhar il-Erbgħa 6 ta’ Marzu, Ras ir-Randan, fejn se jiġi mbierek waqt il-Quddiesa Konventwali tas-6:30pm.
Apparti minn hekk, nhar il-Erbgħa tat-Tniebri (17 ta’ April), dan il-kurċifiss se jinħareġ f’Via Sagra madwar it-toroq tas-Santwarju, liema Via Sagra se tkun animata mill-Għaqda Festa Madonna tal-Karmnu, is-sezzjonijiet kollha fi ħdanha u anke l-Arċikonfraternitajiet tas-Santwarju.
Fi tmiem il-Via Sagra, se ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-inżul ta’ Ġesù minn fuq is-salib. Id-dettalji ta’ din iċ-ċelebrazzjoni se jingħataw aktar tard.